Articles
Bonsai Club
Cactus Club


Dogs Plants Cats Fish Birds Exotic PetNGarden

News Shops My pet page Search Contact List Win Free Services send e-mail

Harsa lejn il-50 sena ta' l-

Ghaqda Maltija tal-Kaktus u Sukkulenti ohra

minn René Zahra Segretarju ta' l-Ghaqda


Sa minn qabel l-ahhar gwerra dinjija f'Malta kien hawn hafna dilettanti tal-kultivazzjoni u l-istudju tal-kaktus u sukkulenti ohra. Jiena stess niftakar xi tnejn jew tlieta minnhom. Dawn id-dilettanti donnhom li kienu jsibu r-refugju taghhom fil-Professur John F. Borg li probabbilment kien huwa stess li introduca hawn Malta hafna speci u ghamel id-delizzju tal-kultivazzjoni tal-kaktus u s-sukkulenti l-ohra passatemp ta' dawk li kellhom il-flus. Dak iz-zmien ftit kien hawn speci differenti fl-idejn u ghalhekk l-ispeci godda kien ikollhom jimpurtawhom minn barra minn Malta, generalment minn Sqallija u mill-Germanja. Id-dilettanti kienu kollha hbieb tal-Professur Borg u kien huwa li jaghqadhom flimkien.

It-tieni gwerra dinjija ghamlet herba minn hafna kollezzjonijiet. Niftakar lis-Sur Granville jghidli kif missieru kien tilef il-kollezzjoni tieghu ghaliex din kienet fuq il-bejt tad-dar tieghu fl-Isla u din kient waqet f'wiehed mill-bombardamenti mill-ajru. Ftit wara li spiccat il-gwerra miet il-Professur Borg u d-dilettanti bhal speci sfaw orfni minghajru. Rizultat iehor tal-gwerra kien li d-dilettanti tilfu l-kuntatti kollha li kellhom ma barra minn Malta. Kien propju dan iz-zmien meta beda' jinhass il-bzonn li tkun iffurmata ghaqda ghad-dilettanti tal-kaktus u s-sukkulenti l-ohra.

Jidher li kien hemm numru ta' dilettanti li kienu jiltaqghu individwalment u jitkellmu fuq il-bzonn li jiffurmaw ghaqda, izda hadd ma kien jiccaqlaq. Fil-bidu ta' l- 1950 kien is-Sur Andrew Bugeja, mir-Rabat li thabat hafna biex jipprova kieku jwelled din l-ghaqda. Sa fl-ahhar kien fl-1951 meta ftit hbieb bejniethom ftiehmu li jiksbu l-permess biex jaghmlu laqgha fil-kazin tal-banda ta' San Gejtanu, fil-Hamrun u gabu avviz fil-gazzetti li kellha ssir laqgha fuq il-kultivazzjoni tal-kaktus u s-sukkulenti l-ohra. Din il-laqgha saret u kienet success, ghaliex kien propju dak in-nahar stess li kien iffurmat kumitat li nkariga ruhu biex jibda jorganizza l-attivitajiet.

President ta' l-Ghaqda kien inhatar is-Sur Mikelang Delia, l-Kuratur ta' l-Argotti, filwaqt li s-Sur Andrew Bugeja inhatar Membru Fundatur bid-dritt li sa kemm kien ikun irid jibqa' awtomatikament membru tal-kumitat ta' l-Ghaqda. F ' dan l-ewwel zmien li membri kienu ftit. Lista li rajt kien fiha biss xi 25 membru. L-ewwel laqghat kienu saru barra fl-Argotti u dan qajjem xi ftit inkwiet ghaliex kienu qeghdin isiru minghajr il-permessi mehtiega. Wara xi zewq laqghat inqala' inkwiet iehor u l-Ghaqda damet xi sentejn ma tiffunzjona sewwa. Kien is-Sur Mike Cassar, li dak iz-zmien kien ghadu kemm sar ghalliem, li hadem bis-shih biex l-Ghaqda terga' tibda tiffunzjona regolarment. Saret Laqgha Generali fejn is-Sur Mike Cassar inhatar Segretarju. Wara hafna tahbit gabar f'idejh il-lista tal-membri u l-minuti tal-laqghat ta' qabel. Bl-ghajnuna tas-Sur Delia gabu l-permess biex il-laqghat jibdew isiru fil-kazin tal-band De. Vilhena, fil-Furjana u b'hekk bdew isiru l-laqghat regolarment kull xahar. Jiena dhalt fl-istorja meta l-Ghaqda digà kellha 11-il sena. Kien f'Marzu ta' l-1962 meta attendejt l-ewwel laqgha. Dak iz-zmien President ta' l-Ghaqda kien is-Sur Guido Lanfranco. Is-Sur Mike Cassar kien qieghed fuq scholarship l-Ingilterra u ghalhekk kien irrizenja minn Segretarju. Is-Segretarju kien is-Sur Pawlu Muscat Terribile. Dak iz-zmien f'Malta kien hawn problemi kbar u l-interess fl-Ghaqda kien naqas hafna. Niftakar li kien hemm diffikultajiet kbar biex sahansitra jiffurmaw kumitat. Sewwa, sew fit-tieni jew it-tielet laqgha li attendejt kienet saret Laqgha Generali u kien is-Sur Andrew Bugeja stess li innominani bhala membru tal-kumitat. Dak iz-zmien kelli 24 sena, kont mimli b'hafna hegga u ghalhekk malajr accettajt minghajr l-ebda hsieb ghalliema bicca xoghol kont diehel. Hekk jiena ukoll bdejt nifforma parti mill-istorja ta' l-Ghaqda taghna. Dak iz-zmien il-laqghat tal-kumitat kienu jsiru barra, fuq bank fl-Argotti, kemm fil-bard tax-xitwa, kif ukoll fix-xemx t'Awissu. Kien propju fl-ewwel laqgha tal-kumitat li attendejt li jiena stess ma nafx kif sibt ruhi Segretarju ta' l-Ghaqda. Nistqarr li dak iz-zmien lanqas biss kont naf sewwa kif ikunu l-kakti u s-sukkulenti l-ohra u wisq anqas kif kien suppost jiffunzjona sewwa kumitat. Ma xtaqtx li nohrog ta' hmar u ghalhekk xtrajt xi zewg kotba fuq dawn is-suggetti. Shabi tal-kumitat ghenuni hafna wkoll u flimkien imxejna triq twila.

Mill-ewwel bdejt immur ghand il-membri kollha biex nara l-kollezzjonijiet taghhom u nsir naf personalment kull wiehed x'kien jixtieq mill-Ghaqda. Bdejt nikkorrespondi ma' dilettanti minn barra minn Malta u abbonajt f'hafna magazines tal-kaktus u s-sukkulenti l-ohra. Anke f'dak iz-zmien ghamilna xi zewg wirjiet, izda billi konna ftit kollox kien difficli ferm. Meta dhalt fl-Ghaqda jiena kienu digà jaghmlu laqghat kull xahar fil-kazin tal-Banda Vilhena, l-Furjana. Dak iz-zmien it-tim tal-futbol tal-Furjana kellu l-istess kazin tieghu ma' dak tal-banda, u ghalhekk konna niltaqghu f'xi kamra li kienet tintuza mit-tim tal-futbol ukoll.

Mill-ewwel nett ghamilt emfasi kbira biex il-membri ma jixtrux xtieli li jkunu ngabru mill-abitat taghhom u minflok jidraw ikabbruhom miz-zerriegha. Kienet forsi kumbinazzjoni li ndunajna li dawk ix-xtieli li konna nkabbru ahna dejjem jikbru ahjar u jghixi aktar minn dawk li jkunu bdew hajjithom f'xi ambjent totalment differenti. Mela ahna b'kumbinazzjoni konna koservazzjonisti minghajr ma konna nafu u qabel ma haddiehor kien johlom li jitkellem fuq dan is-suggett, l-Ghaqda taghna kienet diga taghti kontribut siewi f'dan il-qasam.

F'Gunju ta' l-1967 minflok sempliciment cirkolari li tavza bil-laqgha li tkun sejra ssir, bdejna kull xahar nohorgu speci ta' newsletter b'xi ahbarijiet fuq id-delizzju taghna u l-avviz tal-laqgha. Minn dak iz-zmien din baqghet tohrog regolarment kull xahar. Tidher haga semplici, izda kull xahar irid ikollok materjal bizzejjed biex timlieha; tnax fis-sena ghal 34 sena jaghmlu 408 wahda, dejjem b'materjal gdid.

Sa dan it-tant bdejn nfittxu post iehor fejn inlaqqghu l-membri. Xtaqna post li jkun aktar centrali u li forsi jkun ftit akbar. Kien propju f'Gunju ta' l-1970 li l-Kunsill ta' Din l-Art Helwa, gentilment bdew jisilfuna kamra mdaqqsa li kienu juzaw bhala librerija. Ftit snin wara nehhew hajt divizorju li kien sar wara li kien tela' l-bini originali u b'hekk iffurmaw s-sala kbira li ghadna nuzaw sal-lum.

F'Jannar ta' l-1972 bdejna niffurmaw librerija ta' kotba fuq id-delizzju taghna. Is-Sur Edwin Lanfranco kien membru tal-kumitat u kien ghamel suggeriment biex nibdew din il-librerija. Is-suggeriment intlaqa' u ghalhekk kien huwa stess l-ewwel librar. Meta bdejna kellna 7 kotba biss, u l-Librar kien igibhom mieghu ghal kull laqgha tal-membri. Xi erba' snin wara l-Kunsill ta' Din l-Art Helwa tana l-permess biex fil-kwartieri taghhom inzommu speci t'armarju ckejken bil-kotba taghna. Matul is-snin in-numru ta' kotba baqa' jikber u ftit snin ilu bil-permess tal-Kunsill ta' Din l-Art Helwa bdilna l-armarju li kellna ma' librerija sabiha li ordnajna apposta. F'din il-librerija l-gdida stajna nzommu kotba aktar u dawn ikunu jidhru. Fil-parti t'isfel stajna nzommu xi affarijiet li jkollna bzonn kull xahar. Hekk iffrankajna li f'kull laqgha jkollna ngibu maghna certi affarijiet li nuzaw regolarment.

Kien f'Settembru ta' l-1973 meta attendejt laqgha ta' l-International Organization for Succulent Plant Study (IOS) u b'hekk ghamilna l-ewwel kuntatti diretti mad-dilettanti ta' pajjizi ohra. Bis-sahha ta' dan l-ewwel kuntatt aktar 'il quddiem membri ohra setghu jaghmlu kuntatti ohra u llum niehu pjacir nghid li huma hafna dawk il-membri li ghandhom hafna kuntatti diretti mad-dilettanti ta' pajjizi ohra.

Fl-1990 fl-Ghaqda sehhet taqliba kbira minghajr ma kienet mistennija. Is-Sur Mike Cassar li ghal hafna snin kien il-President ta' l-Ghaqda qalilna li ma setax jibqa' President u membru tal-Kumitat (li issa konna nsejhulu Kunsill). Ftit qabel is-Sur Andrew Bugeja li bhala Membru Fundatur ta' L-Ghaqda kien dejjem jifforma parti mill-Kunsill ta' l-Ghaqda, kien qalilna wkoll li minhabba sahhtu ma kiex jista' jattendi aktar ghal-laqghat. Minhabba dan kollu f'daqqa l-Kunsill ta' l-Ghaqda nbidel kollu, u jiena sibt ruhi l-membru anzjan. In-nies il-godda gabu maghhom tibdil shih li hafna minnu qatt ma konna noholmu bih qabel. Fil-Kunsill dahlu nies ghadhom zghar b' entuzjazmu gdid u taht id-direzzjoni tal-President il-gdid; il- Kav. Dott. Anthony J. Abela Medici twettqu hafna progetti godda. Haga importanti ferm kienet li nholqu attivitajiet li ziedu l-fondi ta' l-Ghaqda u din il-haga holqot orizzonti godda.

Haga gdida li l-membri gawdew minnha hafna kienet dik li tingabar iz-zerriegha minghand il-membri u ghal habta ta' Frar tohrog lista li minnha l-membri stess jistghu jixtru z-zerriegha li jkunu jridu minghajr ma jkollhom jirrikorru barra minn Malta. B'din l-attività aktar u aktar membri bdew ikabbru x-xtieli taghhom miz-zerriegha u b'hekk dak li jkun, jibda jsir aktar professjonali u jifhem ix-xtieli tieghu ahjar. Din l-attività kienet ukoll ta' ghajnuna finanzjarja ghaliex permess taghha kull sena bdejn ndahhlu somma mhux hazin.


Meta l-Ghaqda taghna ghalqet 40 sena hsibna hafna biex niccelebraw dan l-anniversarju kif jixraq. Bl-ghajnuna ta' kumpanniji ta' l-ajru u ta' lukandi ewlenin, kif ukoll bil-hidma tal-President (Il-Kav. Dott. Anthony J. Abela Medici), gibna f'Malta tliet esperti u kull wiehed ghamlilna zewg tahditiet fuq id-delizzju taghna. Hekk gibna lill-Dott. David R. Hunt mill-gnien botaniku ta' Kew, fl-Ingilterra, lis-Sur Dieter Supthut, id-Direttur tal-gnien botaniku ta' Zurich, fl-Izvizzera, u lis-Sur Jörge Piltz dilettant Germaniz li kien mar kemm-il darba fl-Argentina. Dik is- sena stess ghamilna wkoll wirja tal-kaktus u sukkulenti ohra li bhalha kien ilu hafna ma jsir. Dawn l-attivitajiet tant kienu success li minn dak iz-zmien 'l hawn bdew isiru regolarment kull sena. Hawn irrid insemmi l-Wirja. Minn wirja ckejkna bi ftit xtieli illum saret attività kbira li trid hafna organizazzjoni. F'din il-wirja jkun hemm eluf ta' xtieli u ghaliha jigu nies minn Malta kollha. Bis-sahha ta' din il-wirja rnexxielna nzidu l-membri sostanzjalment u naghtu certu pubblicità lid-delizzju taghna. Il-Wirja tas-sena l-ohra kienet tassew eccezzjonali u wriet is-serjetà u l-maturità ta' l-Ghaqda taghna.

F'dawn l-ahhar snin membri ta' l-Ghaqda sahansitra ghamlu vjaggi f'dawk l-artijiet fejn il-kaktus u s-sukkulenti l-ohra jikbru b'mod naturali. Membri ohra ghamluha haga regolari li jmorru f'pajjizi ohra bl-iskop li jiltaqghu ma' dilettanti ohra, jaraw il-kollezzjonijiet taghhom u jaqsmu maghhom l-esperjenzi li jkollhom fid-delizzju taghna. Hekk membri ta' l-Ghaqda taghna stess setghu jiksbu informazzjoni li tibqa' ghandna u li l-membri l-ohra jistghu jaghmlu uzu minnha.

Nahseb li l-Ghaqda taghna ghandha rekord li ma naf bl-ebda ghaqda ohra bhal din li ghandha. Wiehed jista jghid li minn ftit wara li kienet iffurmata sal-lum ghamlet dejjem laqgha kull xahar ghall-membri kollha. F'dawn il-laqghat id-dilettanti jiltaqghu flimkien, jitkellmu, jibdlu l-ideat taghhom u fuq kollox jitghallmu minn xulxin. Hekk f'dawn il-laqghat naraw nies tal-professjoni jitkellmu u jiddiskutu ma' nies li kemm, kemm jafu jaqraw. L-iskop tal-laqghat dejjem kien dak li jeduka lid-dilettant fid-delizzju taghna u ghalhekk fil-laqghat isiru wkoll tahditiet fuq il-botanika, fejn b'mod elimentari jkun spjegat kif din tirrigwardja d-delizzju taghna.

Meta nhares lura niftakar f'dawk il-mijiet ta' speci godda li l-ewwel konna naqraw fuqhom biss u li wara kienu introdotti f'Malta bil-hidma ta' l-Ghaqda taghna. Hafna minn dawn l-ispeci illum saru komuni. Hawn nistaqsi jekk dawn ix-xtieli kinux isiru daqhekk komunu kieku ma kinitx tezizti l-Ghaqda taghna.

Sa mill-bidu nett l-iskop ewlieni ta' l-Ghaqda kien li din tkun ta' servizz ghad-dilettant. Din is-sena l-Ghaqda taghna ghalqet 50 sena. L-Ghaqda llum hija differenti hafna minn dik li dhal fiha jien tant snin ilu. Sar hafna progress bil-hidma kollettiva ta' l-membri kollha u hawnhekk irrid insellem u nirringrazzja pubblkament lil dawk kollha li xi darba kienu membri tal-Kunsill u l-ohrajn kollha li min b'mod u min b'iehor taw l-ghajnuna taghhom. L-awguri tieghi ghal dan l-anniversarju importanti huwa li fis-snin li gejjin nimxu aktar 'il quddiem ghall-gid tal-membri stess. Irrid fl-istess hin inheggeg lill-membri biex jiehdu parti attiva fl-Ghaqda ghaliex il-kontribut taghhom dejjem huwa importanti, ghaliex b'hekk biss jistghu jinholqu progetti godda li jirnexxu b'success u li minnhom igawdi kulhadd.

Dati importanti fl-istorja ta' l-Ghaqda

  • 1951 - L-Ghaqda kienet iffurmata.
  • 1952 - L-Ghaqda bdiet tiffunzjona regolarment. B'laqghat regolari fil-Kazin tal-Banda Vilhena, l-Furjana.
  • 1967 - Bdiet tohrog Newsletter kull xahar
  • 1970 - Il-Laqghat ta' kull xahar bdew isiru fil-Kwartieri ta' Din l-Art Helwa, fil-Belt, Valletta.
  • 1972 - Bdejna librerija ta' kotba fuq id-delizzju taghna.
  • 1973 - Is-Segretarju jattendi l-Kungress ta' l-IOS fl-Ingilterra u b'hekk ghamilna hafna kuntatti ma' dilettanti barranin.
  • 1981 - Gibna l-ewwel kelliem minn barra minn Malta.
  • 1991 - L-Ghaqda taghlaq 40 sena - Ingibu 3 kelliema barranin - Nibdew naghmlu l-wirja regolarment kull sena
  • 1996 - L-ewwel membru ta' l-Ghaqda jmur jara l-kaktus f'pajjizu.

Xi tfisser meta nghidu Speci Godda?

K ull sena jkunu ppubblikati validament speci godda u ahna minn zmien ghal iehor ninfurmawkom bihom fil-Kelmtejn ta' Kull Xahar. Smajt xi membri jitkellmu u minn dak li kienu qeghdin ighidu jidher li xi whud ma jafux ezatt dak li rridu nfissru meta nghidu li certi xtieli huma Speci Godda. Kien minhabba dan li ddecidejt li niccara dan il-punt.

Minkejja li llum il-bniedem skopra u gera ma' kull parti tad-dinja, ghadhom jeziztu hafna heljjaq, kemm xtieli kif ukoll annimali li ghalkemm in-nies tal-lokal ikunu jafu bihom, ix-xjenzjati jkunu ghadhom qatt ma studjawhom u ghalhekk ikunu ghadhom ma nghatawx isem xjentifiku. Ikunu hafna dawk in-nies li jaghmlu vjaggi f'inhawi differenti tad-dinja, ftit li xejn popolati propju bl-iskop li jsibu u jistudjaw dawn il-hlejjaq li jkunu ghadhom mistura ghax-xjenza. Jista' jkun li dawn l-ispeci jkunu jafu bihom l-abitanti tal-post biss. F'hafna kazi dawn l-ispeci jkollhom ukoll isem popalari. Hekk per ezempju hawn Malta kien hawn xitla li ahna konna nafuha bhala Widnet il-bahar. Fl-1838 it-Tabib Stiefnu Zerafa induna li din ix-xitla kien ghad ma kinetx maghrufa xjentifikament u ghalhekk taha isem xjentifiku. Kien ippubblikaha bhala Centaurea spathulata, izda ghamel zball, ghaliex dan l-isem digà kien intuza qabel u ghalhekk ma kienx validu. Tajjeb li wiehed jghid li illum din ix-xitla nafuha bhala Palaeocynus crassifolius, izda din hija storja ohra.

Meta dak li jkun jibda jistudja x-xtieli ta' xi post partikulari, jista' jiltaqa' ma' xi kwalità ta' xitla li jahseb li qatt ma jkunu ra bhalhom, allura tibda ricerka shiha, u meta dak li jkun ikun cert li din ix-xitla jew xtieli ikun ghad m'ghandhomx isem xjentifiku jibda process biex jinghataw jisem bil-latin. (ara l-artiklu tas-Sur Amante Darmanin li kien fil-harga ta' din il-pubblikazzjoni ta' l-1998).

Meta dawn l-ispeci jkunu ppubblikati validament allura ghal xi ftit zmien insejhulhom speci godda (new species). Attwalment ma jkunu nholqu l-ebda xtieli godda, izda dawn ikollhom biss isem gdid bil-Latin. Dan ikun l-isem botaniku, ghaliex bhal ma digà ghedna jista' jkun li dawn ikollhom isem iehor li bih ikunu maghrufa man-nies tal-post. Minkejja dan kollu hafna speci saru popolari u komuni fil-kollezzjonijiet taghna wara li kienu ppubblikati bhala speci godda, u nghatalhom l-isem xjentifiku, ghaliex qabel minbarra l-ftit nies tal-post li jigu f'kuntatt dirett ma' dawn ix-xtieli ma kien jaf bihom hadd. Huwa propju minhabba dan kollu li hafna drabi dawk li jmorru bl-intenzjoni li janalizzaw il-flora ta' certi postijiet imwarrba, jippruvaw jiksbu informazzjioni minn min ikun jghix fil-qrib.

Dawk ix-xtieli li jigu zviluppati meta jiddakkru minn xulxin zewg speci differenti, nsejhulhom ibbridi (Hybrids) u mhux speci godda. Dawn ma jkollhomx isem kollu bil-Latin. Hekk insibu Haworthia cv. Chocolate, Fejn l-ewwel parti hija bil-Latin, ghaliex huwa isem botaniku ta' genus ta' xtieli sukkulenti li jinstabu fl-Afrika t'Isfel, u l-parti l-ohra huwa l-isem ta' ibbridu li zviluppaw fil-Gappun.


Donated by the Cactus & Succulent Society visit Cactus and Succulent club website



your ad could be here

coloring pages

.

Quick links: Home Birds Cats Dogs Fish Exotic Plants Free cross stitch pattern Free stained glass patterns Eggart by Candice Top Cocktail Recipes Free pet coloring pages Free animal vectors Colorful stained glass patterns for free Educational tutorials Privacy Policy

page generated in 0.007395 seconds
61